Il-klassi ta’ Mintoff

Esperjenzi mill-klassi

Dakinhar kien luttu nazzjonali. F’dal-pajjiż, tat-taħbit u t-tiskit, tal-bombi u t-telqa, tal-għasel u t-tarmak, ma jkollniex wisq minnhom dal-ġranet. Trid tmut xi ras kbira. U dakinhar hekk kien. Kien miet wieħed mill-kbar. L-ikbar, għal uħud. Wieħed li l-istorja għamilha u dwaru nkitbu stejjer bla għadd.

Xi drabi niddubita x’inhu l-iskop għal dan kollu; tal-paniġierki, tal-istejjer, tal-fjuri, tal-monumenti, tas-sriebet. Forsi hekk l-aħjar. Xejn xejn il-poplu jiftakar li int min int, il-mewt tidħaq dejjem u l-aħħar u l-aħjar.

Naf biss li dakinhar xorta kelli nqum u mmur għax-xogħol, bħal jum ta’ qabel u ta’ qabel. Xejn speċjali. Ħlief għall-klassi. Dakinhar il-ħamsa u għoxrin kienu jafu. Dakinhar fuq wiċċhom kellhom it-telfien u d-diqa tal-luttu. Kienu jafu li miet xi ħadd. U dan ix-xi ħadd kienu jafu min hu. Kienu jafu sewwa min hu.

Bdejna l-lezzjoni. U mill-ewwel bdew ifaqqgħu l-bombi. Tifel waqa’ għal wiċċu, ieħor iċċaflas biż-żebgħa, ieħor kiel id-dqiq, ieħor qaras subgħajh, ieħor inqasmitlu l-ponta tal-lapes u f’nofs din l-anarkija jitfaċċa Domingo bil-wardiet ħomor u b’għajnejh suwed żebbieġa, saqajh u jdejh stikka u xagħru ħafif b’ferq żgħir fin-nofs.

Domingo qam minn postu u bil-mixja qabbieża tiegħu resaq lejja. F’idejh kellu karta. Assumejt li kienet xi nota m’għand ommu . Assumejt li kienet ittra oħra minn dawk li jispiċċaw bil-kliem tas-soltu: ‘Dan kolu qed nejdu filwaqt li niringrażjak tax-xol siwi tijak’. Kuljum tidħol xi ittra b’talba, apoloġija jew ringrazzjament.

Imma, assumejt ħażin. Domingo żamm il-karta f’idejh u qabel ma urhieli nfexx f’dagħdigħa ta’ kliem mimli entużjażmu għax il-jum ta’ qabel kien mar jimxi wara t-tebut. Qalli “Miss miss, rajtni lbieraħ ma’ Mintoff, mal-banda, tlaqna mill-kwartieri ta’...” Fl-entużjażmu tiegħu kellu qima li qatt ma rajt bħalha. Imbagħad tani l-karta. Karta bajda, mdaqqsa, u fuqha l-linka blu fil-forma ta’ Mintoff, skontu. U qalb maqsuma fi tnejn. F’nofs minnhom miktub id-data tat-twelid tiegħu, 1916, u fin-nofs l-ieħor is-sena ta’ mewtu, 2012. U fuq, b’ittri l-kbar il-kliem jitkellem waħdu: MINTOFF!

Kif qrajt dak il-kliem, ftakart.

Il-jum ta’ qabel kien għamilha ċara li mhux se jiltaqa’ ma’ Felicity biex ikollu ċans jorqod u jkun jiflaħ imur wara Mintoff. Dawn id-dates ma’ Felicity saru ħaġa normali għal Domingo. Peress li għad għandu sitt snin, qalli, għalissa jagħmel dates biss. Dawn id-dates kienu importanti ħafna għalih. Felicity imporanti ħafna għalih ukoll. Imma għal dakinhar, ħalla lil Felicity tistenna u mar wara Mintoff, mal-banda li sewwa sew nesa liem kienet. Basta wara Mintoff.

U din il-mewġa ta’ diqa u ta’ telfa kienet ilha ġejja. It-tħabbira uffiċjali fil-klassi kienet saret xi jiem qabel, fil-jum li miet fih Mintoff. Qabel ma Domingo illumina ruħu li m’għandux jiltaqa’ ma’ Felicity minħabba Mintoff, it-tħabbira ta’ mewt Mintoff fil-klassi kienet saret minn Fred.

Dan Fred, xagħru mqaxxra u żaqqu ppuppata ’l barra. Tistħajlu xi ministru żgħir jew poeta li waqaf jitwal għax għall-għerf li kellu twal biżżejjed. Fred mill-ewwel qalli li kien miet xi ħadd kbir. X’ma jkunx jaf li reġa’ għola l-ħalib ukoll, bir-rebranding tal-Air Malta u li kien hemm ħabta l-Marsa.

Dakinhar li tħabbret il-mewt fuq il-mezzi tax-xandir, Fred qam minn postu u mexa għal nofs il-klassi. Wiċċi kien diġà beda jiħmar. Bsart li kien se jgħid xi ħaġa u din ix-xi ħaġa kienet importanti, tal-inqas għalih. Dejjem hekk kien jagħmel. U għal dak li kien jagħmel dejjem kien hemm skop, anke jekk jien qatt ma stajt nifhem x’kien.

Bil-lajma l-lajma wasal u fetaħ idejh. Sa dak il-ħin wiċċi kien leħaq sar vjola. B’ħanġra daqsxiex beda jgħajjat, “miet il-lejber, miet il-lejber” u fid-dinja żgħira tiegħu, kellu raġun. Ħadd ma seta’ jikkonvinċih mod ieħor. Ħadd ma seta’ jfiehmu li Mintoff mhux il-lejber u li l-lejber mhux Mintoff.

Imbagħad ikkalma u mar lura f’postu, b’wiċċ aħmar, daqs il-lejber.