Marì

26.12.2012

“Iss’ hekk sew”, meċilqet il-kliem Marì hi u tara L-Istrina - F’Idejk. Kien jonqosha biss filmat ieħor tal-biki biex tħalli kollox lill-fondazzjoni, għaqda, NGO, sejħilha li trid. Kien jonqosha biss demgħa waħda imma leħaq ċempel it-telefon. Kien Kevin mill-Ingriterra, kif kienet issejħilha hi. Kien ċempel biex jawguralha l-Milied it-tajjeb, jgħidilha kemm iħobbha u kemm ma jistax joqgħod mingħajrha u fl-istess nifs itellet li għal dik is-sena wkoll, b’xorti ħażina ħafna ma jistax jinżel Malta għall-btajjel għax l-istudju qed jifnih, dalwaqt ġejjin l-eżamijiet u Taryn ma tistax toqgħod mingħajru. Kienu l-istess raġunijiet tas-sena qabel u tas-sena ta’ qabilha. Xi ħlew. Kevin ta’ kull sena jċemplilha lil ommu biex jgħidilha li ma jistax jinżel Malta. Kieku seta’ Kevin kien jibgħatilha email imma Marì, għandha xorti taf x’inhi ittra bil-posta konvenzjonali u ovvajment, ma tafx tuża l-kompjuter u wisq inqas l-interdett (tal-aħħar, kelma oħra minn tagħha li ddawrha kif taf hi). Kevin, kliemu konvinċenti. U Marì meħjuta. Marì tibla’ kollox. Tibla’ kulma ma jbellgħulha u tidher li tkun qed tieħu gost. Bħalma se tagħmel illejla meta tmur għand Marika. Marika bintha. Oħt Kevin. Ta’ kull sena tispiċċa tmur għandha u tixrob kulma jisquha u tiekol kulma jqegħdulha quddiemha.

Iqegħdulha ftit wisq. Ftit ikel u ħafna pożati li Marì tinfixel quddiemhom u qatt ma tkun taf minn fejn għandha tibda u fejn għandha tispiċċa. Niggustaha. Għalxejn darba għidtilha li għandha tibda minn barra. Kulma kellha tagħmel tuża par par, minn barra għal ġewwa, għedtilha. Imma donnha din it-teorija għal Marì tqila wisq. B’mod stramb ħafna dejjem jirnexxielha taqbad il-furketta tan-nofs u s-sikkina tat-tarf u wara tkompli kif taf hi. Ġieli tispiċċa b’żewġt iskieken. Biss. U l-ħbieb ta’ Marika jiddieħqu biha. Issa drawha. Saru jilagħbuha bejniethom li meta jasal il-ħin tad-deżerta se jaraw il-wejter għaddej b’kuċċarina f’idu biex jgħaddiha lil Marì għax tagħha tkun tilfitha waqt l-ikla ta’ ħafna platti. U Marì tinduna. Dejjem tinduna.

Marì qatt ma marret skola. Ma tafx tikteb u taqra u l-kliem teqilbu ta’ taħt fuq. Ta’ spiss tgħid kumnikazzjoni u sangwiċċ. Imma Marì tħoss u tifhem. Forsi tgħallmet kmieni wisq li l-ħajja qares u l-qares ikollok tniżżlu. Tgħallmet minn kmieni meta missierha miet imma xahar wara wasal għandhom ritratt abjad u iswed b’mara fuq ħoġor missierha fuq it-taraġ Westministerjan. Minn dakinhar saret taf ħafna xorti u kompliet titgħallem b’moħħa miftuħ u fommha sieket. Marì, tagħżel, li tibqa’ siekta. Anke x’inhu jagħmel Kevin l-Ingriterra taf.

Għax Marì omm. Imma tagħżel li tibqa’ siekta. Tostor biex tinsatar. U llejla Marì, bħas-soltu, sejra għand Marika għall-ikla tal-għada tal-Milied. U se tidher. Marika diġà qaltilha x’għandha tilbes, għamiltilha appuntament għand il-hairdresser u għand tad-dwiefer u xtratilha Vuitton biex ma tidhirx qisha ċ-ċakkara. U x’iktar? Eħe, l-imgermda u l-imtertqa. Ma tridhiex tidher dak li mhix, jaħasra. Tħossha aktar qisha s-siġra tal-Milied imżejna u mdandna għall-okkażjoni milli Marì, hi.

Kif jispiċċa kollox, is-siġra tal-Milied tinżel mill-posta. Daqshekk tiddandan, daqshekk tleqq, daqshekk tixgħel, daqshekk titwaqqaf, daqshekk tisserdaq fuq il-ħluq imeċilqu u s-swaba’ jimsħu f’xulxin. Anke Marì. Għada tagħmel nofstanhar fil-loki tneħħi dak li tkun kielet (għax Alla jista’ kollox Marì dejjem tispiċċa tiekol l-awwista bil-qoxra b’kollox). Darba anke il-qxur tal-frott tal-baħar kielet u kieku mhux għax rajtha fil-fatt kienet se ddaħħal patata fil-funtana taċ-ċikkulata . Għaliha kollox xorta la Marika moħħha fl-operetti, fix-xampanja u fis-siġra tal-Milied u Kevin moħħu bnadi oħra. Nimmaġinaha lil Marì tinża’ l-ħwejjeġ ileqqu u xagħarha terġa’ tiġbdu qagħqa bil-furfiċetti ħerġin minn kullimkien, basta xagħarha ma jaqax fuq għonqha. U difrejha wara ħamest ijiem taħsel u togħrok, iż-żebgħa ta’ fuqhom titqaxxar kollha. Il-basket ta’ Vuitton, x’aktarx jispiċċa fil-bażar tal-kappillan li jagħmel ta’ kull sena l-għada ta’ San Stiefnu għal dawk l-imsejknin ħutna tal-Kenja.

27.12.2012

Ma’ xagħarha għoqda mqaċċta għax ma setgħetx issib tarf kif tħollu, mad-dwiefer imqaxxra ta’ Marì wara lejl tilgħab bihom għax iż-żebgħa rritata, tqaxxar il-ħsieb ta’ Kevin iġerri lil Taryn u jiġġerra ma’ ħutha l-bniet dakinhar li telgħet Londra u rathom għal ftit mill-ħġieġ imżelleġ tal-underground u fehmet kollox, mill-ewwel. Tqaxxret il-memorja ta’ Marika li addottata ta’ sena meta t-tabib ta’ erbgħin sena assiguraha li ma jistax ikollha aktar tfal. Tqaxxar iċ-ċaħda ta’ Marika kull jum ieħor tas-sena, ħlief l-għada tal-Milied. Marì saret għoqda mal-lożor bojod nagħaġ li għaddew minn fuqha hi u tipprova tgħoddhom biex jaqbadha n-ngħas u torqod.