Nistħajlek Hawn

ta’ Paul Ellul

Diskors għat-tnedija mislut mid-daħla għall-ktieb

Il-kliem li

Kemm-il poeżija mibdula f’lirika? Kemm-il poeżija kantata? Kemm-il lirika tinqara bħal poeżija? X’jiġi l-ewwel, ma nafx. Naf biss li meta nisma’ kanzunetta li kliemha jkun mirqum, tkun magħquda, waħda u sħiħa. Ma jkun hemm ebda tberfila tperper, ebda ħajta mżarrta. Mirquma ma jfissirx li mhix irreverenti, li mhix skomda, li mhix imqanqla. Mirquma jfisser li kull kelma qiegħda fejn għandha tkun, li ta’ maġenbha u dik ta’ ftit lil hinn minnha mhumiex għalkollox prevedibbli, u li meta tismagħha jew taqraha, tagħraf li hi kellha tkun. Il-kliem minnu nnifsu ħoss, pawsa, sikta, splużjoni, vibrazzjoni, intonazzjoni … Ta’ Paul Ellul kultant “biki” u “lfiq”, “tektika” u “rima”, “tvenvin” u “ċekċik”. Jiġifieri anke l-kliem li mhux kantat mal-mużika, huwa għanja fih innifsu. 

Huwa poeżija, li tasal tgħid ukoll b’dak li taħbi. Li turi. “Strieħ Patri Manwel”, “Bħal ħolma”, u “Nammira fik”, biex insemmi verament ftit, jixhdu ripetizzjoni li tħalli effetti diversi skont kull każ. Din ir-ripetizzjoni li daqqa tenfasizza, daqqa teskala, u daqqiet oħra tikkonferma. Ellul jikkapitalizza fuq l-għarfien li naqsmu bejnietna fis-soċjetà tagħna u jaffermah mill-ġdid. F’“Bejn l-erba’ ħitan” jikteb: “Bejn l-erba’ ħitan tal-klawsura … naf mara li tgħarrset ma’ Wieħed …” Fl-ebda punt tal-lirika ma jsemmi li l-mara soru u li l-Wieħed huwa Alla, imma lkoll nifhmu għal xiex qed jirreferi mingħajr ma għandu għalfejn jispelli kull kelma.   

U forsi dan li jagħmel poeta. Anke jekk tweġiba waħda aktarx li m’hemmx. Dejjem kelli l-inklinazzjoni nemmen li l-poeti kreaturi sensittivi. Forsi mhux iżjed minn ħaddieħor, imma b’modi differenti. U qalb kbira. Vrus Ellul huma xhieda ta’ mħabba għall-kelma, għal-lingwa, imma wkoll għall-umanità. Dan il-poeta li r-rigal tiegħu jieħu sura ta’ kliem. L-esplorazzjoni tal-imħabba f’dawn il-versi hija vasta, imma aktarx tilħaq il-qofol tagħha fit-taqsima tal-poeżiji “taż-żwieġ”. 

Fil-versi ta’ Ellul, iż-żwieġ isir verb, u l-imħabba ssir persuna: “Ejja llum l-imħabba ngħannqu”. Donnu l-imħabba titlef kull loġika li nafu u tiddefamiljarizza l-iżjed qrib. Daqshekk tista’ tkun qawwija. L-imħabba tispikka wkoll fl-ode li tfaħħar fit-taqsima tal-għanjiet “lill-familja u ħbieb”. Ellul jirnexxielu jaqbad l-isbaħ waqtiet u laqtiet u jibdilhom f’kompożizzjoni waħda u sħiħa li ma tħalli xejn għal riħu.

L-imħabba għandha x-xewqa u l-għan li tifforma s-sħiħ, l-istess kif bil-poeżija l-kontenut u l-forma jingħaqdu flimkien. Fuq kollox, anke l-filosofija nfisha hija tip ta’ mħabba, imħabba għall-għerf, li Ellul jesprimih fil-poeżija “Penumbra”. B’dawn il-poeżiji jfakkarna wkoll kemm-il waqt fis-sbuħija tan-natura umana, li minn xi daqqiet ninsew li teżisti. Fit-taqsima “Qawwet l-Imħabba” niftakru fil-kobor ta’ dan is-sentiment u għaliex kien esplorat sa minn dejjem, għadu, u probabbilment se jibqa’.

L-istess kif kien, għadu u se jibqa’ jiġi esplorat il-ħolm. Fi kliem Ellul, il-ħolm huwa wkoll il-ħajja li tgħaddi, iż-żmien li jtir, l-immaġinazzjoni mill-qari, platt ikel sħun, imħabba dejjiema, u dak li jista’ jkun. Il-ħolm huwa tal-poeta imma wkoll tal-għarajjes, tal-maħbuba, tal-foqra, tan-nanniet, u tat-tfal. Il-ħolm, tant imsemmi minn Oliver Friggieri (li għalih iddedikat dan il-ktieb u li hu tant għall-qalb il-poeta) jieħu s-sura ta’ xewqa u tama li fil-konfront tal-mewt jibdew ibattu, kif jidher ċar fil-poeżija ddedikata lil Oliver Friggeri stess: “Għaliex ikollu jmut ukoll poeta?” F’waqtiet, il-vojt u l-lejl jieħdu post ix-xewqat u t-tamiet u nibqgħu biss b’ħafna mistoqsijiet, l-istess kif tagħlaq din il-poeżija, b’mistoqsija. Għax il-poeżija/il-lirika poetika mhix it-tweġiba, imma l-punt tat-tluq, il-mistoqsija …