(Is-)Sunday Blues.
.
Tal-lum seta’ kien Ħadd differenti. Ħafna. Imma mhuwiex.
..
Ili mill-bieraħ filgħaxija nantiċipa d-dwejjaq tal-Ħadd waranofsinhar jitmewġu sal-Ħadd filgħaxija, u kultant kemxejn it-Tnejn filgħodu. Ukoll. Imma minkejja kollox dalgħodu m’hawnx dwejjaq daqskemm stennejt. Forsi iktar tard.
…
Ftit tax-xhur ilu qgħadt infittex fuq is-Sunday blues. Xi jkunu. Minn fejn jiġu. Mhux għax tiegħi m’għandix definizzjonijiet kemm hemm. Imma biex nara hemmx xi definizzjoni universali. Kif jifhimha ħaddieħor. Għandi ħbieb li jbatu (?) bihom. Tħadditna dwarhom. Darba. Tnejn. Imma kif taqbad tispjegahom? Effimeri. Elużivi. Kattivi.
….
Kont sibt, fost l-oħrajn, li biex tegħleb id-dwejjaq tal-Ħadd, tagħmel affarijiet li s-soltu tagħmilhom fi ġranet oħrajn. Allura l-Ħadd innaddaf. Imma mhux illum.
…..
Naħsel xi platti. Nippustjahom. Nagħmel te tan-nagħniegħ. Nimsaħ il-bank tal-kċina. Tajjeb it-te tan-nagħniegħ meta ttiegħmu.
……
Ġuljetta f’Romeo u Ġuljetta tgħid il-vers: “What’s in a name? That which we call a rose by any other name would smell just as sweet.” Nipproponi Ġuljetta ġdida li tgħid: “What’s in a day?” U jekk trid tkompli: “That which we call a day by any other name would smell just as sick.”
…….
Imma din tal-Ħadd verament ma nistax nifhimha. X’għandu speċjali l-Ħadd? Mhux speċjali. Differenti. Għax il-Ħadd u mhux it-Tnejn? Jew il-Ġimgħa? Nittama li mhux il-Ġimgħa. Il-Ġimgħa l-jum favorit.
……..
Joni Mitchell. Dejjem.
………
Kemm nixtieq twelidt qabel. Kultant ma nħossnix ta’ żmieni. Ta’ issa. Ta’ hawn. Kultant ma nħossnix tal-jum, tas-siegħa, tal-mument.
……….
Forsi dak li jkun japprezza l-ferħ għax japprezza d-dwejjaq (iktar).
………..
Il-Ħadd li għadda s-sema kellu ikħal partikolari. Color Grab identifika:
Deep Sky Blue
Dodger Blue
Twitter Azure
Aqua
Cerulean Blue
Free Speech Blue
Denim
Taħlita ta’ kollha flimkien. Xi ġmiel.
…………
Il-listi jgħinuni naħseb. Għandi listi ta’ kull tip, kullimkien. Li kieku l-listi kienu stejjer minnhom infushom, kieku għandi rakkonti kemm trid. Forsi l-listi huma forma ta’ stejjer. U għadna m’għarafniehomx.
………….
Maggie Nelson. Those who know, know.
…………..
“Sar tiegħek Baħar iċ-Ċagħaq. Sar skur u sar blu. Sar ta’ April bil-mewġ qawwi jogħla u jrid jibla’ l-art. Sar tagħna fil-karozza tiegħi. Ma nafux kif qatt ma kellimna ’l xulxin qabel, ma nafux kemm qed jgħaddi ħin. Dalwaqt se jkolli mmur.”
Kollox jgħaddi mal-oħrajn.
“Baħar iċ-Ċagħaq now belongs to you. It turned dark and it turned blue. It belongs to an angry April with its hungry waves gnawing at the land. Our Baħar iċ-Ċagħaq, in my car. I don’t know – we don’t know – how we’d never spoken to each other before, or how quickly the time was going by. I need to leave soon.” (trad. David Schembri)
Jew mhux kollox jgħaddi mal-oħrajn.
……………
Kull darba li tismagħni nidħaq, niċċajta, infaqqa’ d-daħq, dak id-daħq ikun ta’ veru. Nixtieqek tkun taf li kull daħqa mhix ċajta. Anzi, nidħaq ħafna. Anke bija.
…………….
Ta’ għaxar snin, waqt kors tal-Arti, il-MSA l-Belt (wara sandwich ta’ Prego), l-għalliem poġġielna quddiemna mera u qalilna npinġu lilna nfusna. F’mument bħal dak tibda tifhem il-kobor ta’ bniedem bħal Picasso. Taħżiża astratta kienet tkun ferm eqreb tar-rappreżentazzjoni ta’ wiċċi milli dak li pinġejt jien. Ftit wara l-istess għalliem kien tana balla tafal u riedna nagħmlu ċekċieka. Ħadt gost nagħmilha. Forsi għax kont naf kif. Kultant nieħdu gost nagħmlu dak li nafu nagħmlu l-iktar għax nafu li se nagħmluh tajjeb. Sabiħ tagħġen it-tafal, issaħħnu b’subgħajk, tiffurmah, kif trid. Iċ-ċekċieka kont lewwinha bluwijiet differenti. Aktarx għadha tiġri xi mkien id-dar tan-nanna. Għall-ebda raġuni partikolari kont tajtha lilha. Hekk kellu jkun.
……………..
Naħseb fl-ikel. Sa jumejn ilu konna qed insemmu ħafna ikel, nimmaġinani ntiegħmu, kif inhu. Liema ikel huwa blu? Dak li narawh blu. U ntiegħmuh blu, għax jibqa’ fuq ilsienna. Bħas-silġa l-bluna f’nofs is-sajf. Kulħadd ikun jaf li kilt waħda.
………………
“But when it comes to nature, blue is very rare. Less than 1 in 10 plants have blue flowers and far fewer animals are blue. So why is that? Part of the reason is that there isn't really a true blue colour or pigment in nature and both plants and animals have to perform tricks of the light to appear blue.” The University of Adelaide
……………….
Illum seta’ kien Ħadd differenti. Imma mhuwiex.
………………..
Kultant id-Djun idewwu. Nixtieq naf kif ngħidlek li ħafna drabi, fil-fatt, jaħju.
…………………
Bħal daż-żmien sena, iz-Zizza ġabli l-vinyl tal-Brodu d-dar. Blu. U ma ħallastux. Ftakart xi ġimgħa wara. U kull meta niftakar, nerġa’ nistħi ftit.
………………….
Anne Sexton iddewwi wkoll:
“The walls of that grotto
were everycolor blue and
you said, “Look! Your eyes
are seacolor. Look! Your eyes
are skycolor.” And my eyes
shut down as if they were
suddenly ashamed.”
…………………..
Hemm nies li jiġu f’ħajtek meta bilkemm tkun qed tistenniehom u tkun tixtieqhom jibqgħu. U l-oħrajn li ilhom hemm, taf li tħobbhom ħafna wkoll.
……………………
Kemm hi sabiħa l-poeżija. Minnek. Fik.