Jack ta’ Darba, dramm qsajjar ta’ Leanne Ellul li jwaħħad it-traġiku mal-komiku. Huwa dramm mimli kuntrasti li jesplora l-frammentazzjoni permezz tar-relazzjoni bejn Gemma, mara anzjana bid-dimensja, u Jessie, l-infermiera żagħżugħa li tieħu ħsiebha. Iż-żewġ karattri jieħdu iktar minn irwol wieħed u għalhekk ir-relazzjoni ta’ bejniethom issir iżjed dinamika u kumplessa. Dir-relazzjoni twassal biex tirrifletti l-imgħoddi ta’ karattri li bis-saħħa tagħhom insiru nafu iżjed dwar iż-żewġ protagonisti. Gemma titbandal bejn il-preżent u l-imgħoddi. Kemm il-preżent, kif ukoll l-imgħoddi jiċċajpru kontinwament permezz ta’ memorji marbutin mal-imħabba ta’ Gemma, it-tluq ta’ seħibha Andrew, it-trobbija ta’ Anna, u x-xorb; kollha mumenti li jerġgħu jitilgħu fil-wiċċ u jagħtuha identità. Jessie hija mimlija ħajja u tagħni lil Gemma anke jekk f’waqt wieħed kruċjali ħajjithom tispiċċa fil-periklu. Fil-bidu u fl-aħħar tad-dramm toħroġ l-ossessjoni ta’ Gemma bin-nar; fil-bidu bħala simbolu ta’ wens, u fl-aħħar bħala xewqa ta’ ritorn lejn l-imgħoddi daqskemm tmiem li jtemm it-tbatijiet kollha.

IT-TIM TAL-PRODUZZJONI

Direzzjoni

Josette Ciappara

Produzzjoni u Kitba

Leanne Ellul

Atturi

Melania Vella

Charlotte Formosa

Assistenti tal-Produzzjoni

Ava Ariff Scicluna

Bernardette Ferrando

WARA l-kwinti

PARTI MINN SKEĊĊ

Dati

Il-Ħamis 4 ta' Ġunju - Is-Sibt 6 ta' Ġunju 2026

Tagħrif

Mis-sit ta’ Spazju Kreattiv: “Issa fit-tieni edizzjoni tiegħu, dan il-festival dinamiku jippreżenta drammi qosra oriġinali u mhux prodotti qabel, ta' bejn 10 u 20 minuta 'l wieħed, irreċtati bil-Malti jew bl-Ingliż. Ix-xogħlijiet magħżula jesploraw temi kontemporanji u d-diversità kulturali, u se jintwerew diversi drabi matul tlett ijiem eċċitanti f’firxa ta’ postijiet fi ħdan Spazju Kreattiv. Dan il-festival ikkurat huwa pjattaforma vitali għal vuċijiet ġodda u talent emerġenti, filwaqt li jrawwem il-kreattività, u jinkoraġġixxi perspettivi ġodda fil-komunità teatrali. Titlifx dan il-vjaġġ indimentikabbli fir-rakkontar qawwi ta’ stejjer u innovazzjoni teatrali!”

Direttur tal-Festival

Joseph Galea

Maniġer tal-Festival

Pierre Bugeja

Dan il-proġett huwa kkummissjonat minn Spazju Kreattiv.