Pietà
It-12 ta’ Ottubru 1989.
Żaqq Omm trid tisplodi u Papà jmur Għawdex. Ottubru żmien il-kaċċa. L-aqwa żmien għall-kaċċa tat-tjur. Għomru u żmienu jispara s-summien u l-gamiem.
Il-kaċċa tal-ħarifa, dik tal-għasafar minn fuq l-art permessa bejn l-1 ta’ Settembru u l-31 ta’ Jannar, iż-żewġ dati inklużi, minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa sagħtejn wara nżul ix-xemx mit-Tnejn sas-Sibt, u minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sas-13:00 fil-Ħdud u l-Festi Kmandati.
Dak iż-żmien mhux bħal-lum. Kont tikkaċċja minn kollox. Sema invażat ġwienaħ. Summien u gamiem kemm trid. Omm Papà kienet tagħmel naqra brodu tas-summien jagħqad fuq id-difrejn. Anke summien mimli ġieli għamlet. Summien il-forn, summien mixwi, summien kif ġie ġie. Bix-xaħam kollox jintiegħem itjeb.
Imbagħad għajjat sfrenat. L-għasafar jaqgħu wieħed wieħed wiċċhom l-art u l-mara wiċċha ’l fuq vampa, fis-sodda tal-isptar, tipprova ttajjar il-ħsibijiet minn moħħha.
Taħtaf il-lożor ponn. M’għandha xejn iktar ma’ xiex tiggranfa.
3 ċentimetri.
Papà għandu apparat bit-tisfir tal-għasafar. Mhux suppost. Imma ma jimpurtax. La jitwilidlu, jibda jsemmagħhulu. Jekk hemm bżonn anke senter żgħir jixtrilu. Bla karti, bla xejn. U jibda jieħdu miegħu, dejjem. U talli jkun qam kmieni, jieħdu għand is-Serkin. Jixtrilu pastizz tal-piżelli u belgħa te fit-tazza tal-ħġieġ bil-marki tas-swaba’ b’kollox. Mitejn fil-mija. Ħaqq ismu jagħmel hekk.
Is-Serkin ikun hemm il-kliem ħażin. Kif tridu jitgħallem?
7 ċentimetri.
Pumm paħħ.
Omm tibda tiled it-tarbija, tinfetaħ u timbotta u tieħu n-nifsijiet qabla. Papà jispara għas-summien u l-gamiem. Temp sabiħ, ara kif fetaħ. Ma qamx kmieni għalxejn. Lil tal-post iħallilha l-kumplament tal-flus taħt il-bieb ħalli jaqbad it-triq għal Malta. Ħalli ma jqażżiżhiex. Ilu jumejn Għawdex, it-telephone tal-post ma jaħdimx, u lanqas sekonda jċemplilha ma kellu.
Lanqas ħames passi sal-loki ma mar. Is-siġar mhux idea ħażina, kultant.
10 ċentimetri.
Li kieku kellha mobile kienet tibgħatlu u kienet tibgħatu jixxejjer. Imma qatt ma bagħtitu jixxejjer biżżejjed. Lanqas meta ġabet il-mobile. Dejjem bagħtitu jixxejjer ftit biss u allura qatt ma fehem kemm veru kellha aptit.
Ħlief dakinhar li xtaqitu ħdejha, ħa jżommilha idha, ħa tagħfashielu, ħa jxarrbilha moħħha. Ħa jarah jitwieled liż-żgħir, u mitejn fil-mija, żgur Alla se jkun jixbhu. Bħal tal-films. Wiċċu jqaxxarhulu.
Ommu ħalfitilha, mill-ewwel qaltilha, li żaqq ta’ tifel għandha. Jekk jiġi jixbah lilu, żgur ħelu se jkun. Jgħid lill-mara tibda tlibbsu blu u jniżżlu miegħu l-garaxx. Minn kollox se jtih jiekol, ħa jikber. La jtella’ l-ewwel sinna jdewqu l-bebbux t’ommu u l-ħaruf kif jagħmlu missieru. U diġà qalilhom x’se jsemmih ’il tal-każin. Mitejn fil-mija.
Issa veru għandu ferħ ta’ kull xorta.
L-għada, it-13 ta’ Ottubru, il-Ġimgħa, u kollox jista’ jmur ħażin.
Mas-siegħa u nofs ta’ filgħodu, twieldet tifla.