tlieta u tletin tal-bambin

33

Nikteb bħallikieku qed nikteb email. F’punti. Fil-qosor (taparsi). Kultant jien biss nifhem xi nkun ktibt.

  1. Bħal dan iż-żmien sena konna għadna ngħixu fil-biża’ ta’ issa.

  2. Int titħanxel maġenbi. Jien inħares ‘l barra mit-tieqa ż-żgħira tal-injam.

  3. Il-masġar sar is-santwarju tiegħi u komplejt nikteb il-weraq sa ma ħażżiżthom fuq ġildti bajda.

  4. Xtaqt ngħidlek ħafna affarijiet dakinhar li għalaqt snini. Ilu sena. Minflok, għedtlek kemm int sabiħ.

  5. Dakinhar kont qed noħlomni mod ieħor. Ukoll. Spallti mikxufa. Għajnejja miksurin. Xagħri, fl-aħħar, griż.

  6. Ma kontx niflaħ dakinhar. Imma xejn ma kelli aptit. Ħlief il-memorja ta’ ħames snin qabel.

  7. Ir-riħa tal-injam jinħaraq tibqa’ l-favorita tiegħi. Kieku nista’ nassorbiha.

  8. Imbagħad, bdejt ngħodd is-sena kalendarja minn birthday sa birthday.

  9. Sabiħa l-kelma birthday. Avolja mhux bil-Malti.

  10. Dan l-ewwel birthday single fi sbatax-il sena.

  11. Mhux kull birthday ħaqqu kejk.

  12. It-tlieta u tletin simboliku daqs l-għoxrin u t-tletin u l-erbgħin. Forsi għax żewġ numri pariġġ xulxin.

  13. Dan il-birthday ħaqqu kejk. Hekk iddeċidejt.

  14. Meta noqgħod naħseb, naħseb fuqek.

  15. In-nies ma kinux id-dar. Id-dar saret huma.

  16. Nibqa’ nemmen li ninqala’ l-iktar biex insajjar u nsuq. Mhux biex nikteb.

  17. Ili ħafna li waqaft nemmen. Imma bqajt nemmnek, nistenniek ġej, nimmaġinak tridni. Mhux għax jekk tiġi rridek tibqa’, mhux għax irridek. Forsi għax nemmen fil-ħrejjef.

  18. Int kont l-isbaħ u l-agħar ħrafa li qatt ġratli. F’nifs.

  19. Nibdel xagħri spiss għall-gost. U xejn iktar.

  20. Ottubru x-xahar ta’ ħafna milidijiet.

  21. Meta konna żgħar, fil-klassijiet tat-tfal, f’Ottubru kien ikollna kejk kważi kuljum.

  22. Il-piż ta’ dawk il-kejkijiet kont għadni rrid nibda nġarrbu.

  23. Tajba x-xitwa għall-fsied. It-televixin bil-ħsara. Netflix tas-soltu.

  24. Nieħu gost l-iktar niżfen.

  25. Ma niħux gost nikteb. Il-kitba mhix gost.

  26. Għadni ma nafx xi rrid insir la nikber.

  27. Fl-aħħar xhur seħħew biżżejjed stejjer għal snin sħaħ.

  28. Ħbiebi m’għandix kliem biex infissirhom.

  29. Nimmissja l-pastizzi fis-sagħtejn ta’ filgħodu, il-kesħa dieħla f’għadamna, l-inbid mit-tajjeb nett, l-aħħar darba li …

  30. Kultant nibża’ li ma jifdallix x’nikteb.

  31. Niftaħ il-friġġ u nsajjar b’li nsib.

  32. Tinteressani l-iktar il-forma. Il-qagħda. Is-sura. Ma nafx kif naqbad nispjegalek.

  33. Mhux kollox poeżija. Imma jekk tħares qrib, xi ftit tal-poetiċità, hemm qiegħda.